Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Lulju 2024 saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM). Fl-istess okkażjoni saret iċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni għas-Sena Akkademika 2023-2024. Din kienet tikludi l-għoti taċ-ċertifikati lil 30 student/a li attendew għall-korsijiet tul din is-sena. Il-korsijiet offruti kienu: Award in Safeguarding of Minors, u Award in Biblical Formation.
Fost id-diskorsi li saru fil-laqgħa, sar indirizz ta’ meħba miċ-Chairman tal-IPM, Dr. Joe Azzopardi, fejn fakkar kif twieled dan l-Istitut tal-Ministeru Pastorali fi ħdan id-Djoċesi t’Għawdex, u x’inhuma l-għanijiet li għalihom twaqqaf. Fost l-oħrajn tkellem dwar l-importanza tal-formazzjoni kontinwa biex l-operaturi pastorali f’Għawdex ikunu mhejjija tajjeb biex iwettqu l-ministeri afdati f’idejhom, u kif l-IPM qiegħed jiprova joffri din il-formazzjoni. Huwa irringrazzja wkoll lil dawk kollha li offrew servizz fi ħdan l-Istitut.
Mons. Noel Saliba, Direttur tal-IPM, beda billi ta’ ħjiel dwar l-External Audit li sar lill-IPM mill-MFHEA matul din is-sena akkademika 2023-2024. Dan kien l-ewwel audit tax-xorta tiegħu li qatt sar f’dan l-Istitut, u serva biex tiġġedded il-liċenzja tal-IPM. F’dan l-audit ġew iċċekkjati u vverifikati l-Policies tal-IPM, l-aspett finanzjarju, kif jiġu mfassala u approvati l-korsijiet offruti, kemm it-tagħlim u l-assessjar huma ffukati fuq l-istudenti, kif jiġu aċċettati l-istudenti għall-korsijiet offruti mill-IPM, kif jistgħu jipprogressaw u jirċievu ċertifikati li jkunu rikonoxxuti, il-kompetenza u l-professjonalita’ tal-letturi li joffru l-korsijiet, ir-riżorsi li jinkludu l-librerija u s-support offrut lill-istudenti, kif tinżamm l-informazzjoni tal-IPM f’konformita’ tal-Liġijiet ta’ Malta, l-informazzjoni li tingħata lill-pubbliku inġenerali, kif isir monitoraġġ intern regolari, u kif isir l-audit minn entitajiet esterni biex tkun assigurata l-kwalita’ u l-istandard talpkorsijiet offruti mill-IPM. Imbagħad id-Direttur semma’ li matul din is-sena akkademika ġew offruti żewġ korsijiet mill-Istitut: Award in Safeguarding of Minors, u Award in Biblical Formation, li għalihom attendew 30 student kumplessivament; intalbet reviżjoni tal-Kors Award in Safeguarding of Minors li kien akkreditat f’Level 3 biex issa sar Award in Safeguarding of Minors and Vulnerable People li se jkun f’level 4; u ġie approvat kors ieħor Award in Psycho-dynamics of Family Relationships – Theory and Skills, li ser jibda jingħata mill-E.T. Mons. Anton Teuma, l-Isqof t’Għawdex.
F’ħarsa ‘l quddiem, Mons. Saliba semma’ li l-IPM qed jaħdem biex fis-sena akkademika li jmiss, l-IPM jibda joffri dawn il-korsijiet: Award in Safeguarding of Minors and Vulnerable People, Award in Psycho-dynamics of Family Relationships – Theory and Skills, Award in Biblical Themes, Award in Archiving / Paper Conservation and Paper Restoration, Award in Liturgical Formation, Award in Current Moral Issues u Award in Leadership Skills.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, id-Direttur irringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna għall-IPM.
L-Amminstratur, is-Sur Tony Bezzina, ta rendikont finanzjarju għas-Sena 2023.
Il-programm kompla billi is-Sinjura Marija Grima, li matul is-sena li għadiet segwiet il-kors Award in Biblical Formation, għamlet diskors f’isem l-istudenti li attendew għall-korsijiet offruti mill-IPM matul is-sena li għaddiet. Fost l-oħrajn hija semmiet kemm sabet il-Kors dwar il-Bibbja interessanti u utli fil-ħidma pastorali li hija stess twettaq, u ħeġġet biex aktar studenti jattendu għall-Korsijiet offruti minn dan l-Istitut.
Imbagħad sar it-tqassim taċ-Ċertifikati lill-istudenti li attendew għall-korsijiet matul is-sena Akkademika 2023-2024, u ingħata Rikonoxximent lil Dun Noel Debono li għall-kwaċi sentejn serva bħala Direttur tal-IPM.
Imbagħad l-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma, għamel messaġġ qasir wera x-xewqa tiegħu li l-korsijiet tal-IPM ikomplu jiżviluppaw biex jilħqu lill-Artisti, lill-persuni nvoluti fl-armar u fin-nar tal-Festi, u lill-membri tal-Kunsilli Lokali u lill-Politiċi. Fost l-oħrajn l-Isoqf ħabbar li għandu f’moħħu li joffri post minn fejn l-IPM ikun jista’ jopera, u li fil-jiem li ġejjin ser jiddiskuti din il-possibbilta’ mal-Board of Governors tal-IPM. Fi tmiem id-diskors tiegħu irringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu biex l-IPM jilħaq l-iskop li għalih twaqqaf.
Din l-okkażjoni nżammet fis-Sala taċ-Ċentru tal-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ tan-Nadur, u ntemmet b’festin żgħir għal dawk preżenti.